top of page
festivalsmalta

Imfakkra l-ħajja u l-mewt tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila



Ix-xahar ta’ Ottubru huwa marbut mat-twelid u mal-mewt tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila, li twieled f’Ħaż-Żebbuġ nhar it-18 ta’ Ottubru 1871 u miet f’San Ġiljan nhar it-13 ta’ Ottubru 1961.

 

Festivals Malta għan-nom tal-Kumitat Festi Nazzjonali qed tfakkar lil Dun Karm b’serata li se ssir nhar it-Tlieta 15 ta’ Ottubru, 2024 fis-Sala Agatha Barbara, il-Palazz tal-President, Ħ’Attard fis-6.30 ta’ filgħaxija.

 

Din is-serata bit-tema “Dun Karm Minn Lil Hinn" se tinkludi “taħdita” mal-Poeta Nazzjonali fejn se jiġu ttratati diversi aspetti minn ħajjet il-Poeta speċjalment dawk marbuta mal-istorja u l-avvenimenti storiċi li wasslu lil pajjiżna fost l-oħrajn għall-Indipendenza u r-Repubblika.  Din is-sena pajjiżna qed ifakkar anniversarji speċjali marbuta ma’ dawn iż-żewg dati storiċi u kitbet Dun Karm dejjem tat is-sehem tagħha biex f’Malta jitrawwem is-sens patrijott u għożża għal dak li hu Malti.  

 

Kif qal il-Ministru Owen Bonnici, is-sena l-oħra waqt it-tifkiriet ta’ Dun Karm, “Il-poeta nazzjonali Dun Karm kien forza importanti biex Malta minn ġens saret nazzjon, mhux biss bit-tħaddim tajjeb immens tal-lingwa Maltija imma anke għall-messaġġi b’saħħithom li kien jgħaddi li sawru sens ta’ identità nazzjonali mill-iktar b’saħħitha. Grazzi għall-poeta nazzjonali, aħna bħala poplu esprimejna bl-aqwa mod l-ambizzjoni tagħna għall-identità tagħna”.

 

Id-dħul għas-serata tat-Tlieta 15 ta’ Ottubru hu strettament bl-invit pero tali serata tista’ wkoll tiġi segwita’ permezz ta’ Live Stream fuq il-paġna tal-facebook ta’ Festivals Malta.

 

Oltre din l-attività nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Ottubru fl-10am se tittella’ ċerimonja oħra biex tfakkar il-Poeta. L-Onor Ministru Owen Bonnici akkumpanjat mill-Kunsill Lokali tal-Floriana u l-Għaqdiet tal-Malti jpoġġi kuruna mal-monument tal-Poeta Nazzjonali fil-Furjana.

Comments


bottom of page