Il-Karnival ta' Malta 2022 b'programm ridott bejn il-25 ta' Frar u l-1 ta' Marzu
Għaddew sentejn minn meta kollha flimkien iċċelebrajna l-Karnival kif nafuh is-soltu. Triqat u pjazez mimlija kuluri, karrijiet spettakolari u maskri grotteski, żfin enerġetiku u kostumi meraviljużi, u l- Parata tal-Kavallieri li ilha ssir xi ħames mitt sena. Ħafna huma dawk li jgħixu għall-Karnival – li wara li jispiċċa wieħed ikunu diġa bdew joħolmu fuq dak li jmiss. Malta u Għawdex għal spazju ta’ ġimgħa jinsew ftit is-serjeta’ u jintilfu fil-fantasija, fil-kulur u fl-ispettaklu.
Il-pandemija għal sentejn sħaħ biddlet mhux il-Karnival biss imma kull avveniment tal-massa. U l-Karnival bla dubju ta’ xejn hu wieħed mill-aktar festivals popolari li jattira nies ta’ kull età. Festivals Malta, l-organizzatur wara l-Karnival u festivals oħra, kien protagonist u katalist f’din is-sitwazzjoni fejn ma ħalliex virus jeqred kompletament l-ispirtu artistiku, soċjali u kulturali. Dawk li jmexxu u jaħdmu fi ħdan Festivals Malta użaw kull mezz possibbli biex dak li jagħqqadna bħala nazzjon fl-isfera kulturali, jibqa’ joffri spettaklu filwaqt li jgħolli l-moral f’mumenti ta’ sfida.
U l-Karnival ta’ din is-sena għalkemm nieqes minn avvenimenti tal-massa xorta ser ikun imfakkar b’attivitajiet li jżommu Karnival ħaj. Bejn il-25 ta’ Frar u l-1 ta’ Marzu it-toroq tal-Belt Valletta, Pjazza Fra Diegu, Triq Balbi fil-Marsa u bosta rħula oħra se jkunu mżejna bi stallazzjionijiet artistiċi kompetittivi u oħrajn mhux kompetittivi li għalkemm statiċi, joħolqu atmosera karnivaleska. Se jkun hemm ukoll wirja ta’ kostumi mil-passat u wirja fotografika mill-fotografu Ġermaniż sinonimu mal-karnival, Frank Kirchner, b’kollborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv.
Il-Qarċilla, farsa tradizzjonali poetika, ser tittegħlla bħala rappreżentazzjoni teatrali live fit-Teatru tal-Ispazju Krejattiv, fil-Kavallier ta’ San Ġakbu l-Belt Valletta mill-25 sas-27 ta’ Frar ukoll b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv. Il-biljetti għall-Qarċilla jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku ta' Spazju Kreattiv. Fit-Teatru Manoel, l-organizzaturi ta’ Toi Toi ser joffru spettaklu kkulurit b’attrazzjoni għat-tfal mis-27 ta’ Frar sal-1 ta’ Marzu. Biljetti u iktar informazzjoni mis-sit elettroniku tat-Teatru Manoel.
Annabelle Stivala, Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, saħqet li “Festivals Malta ser jibqa’ jaħdem sabiex jħares din it-tradizzjoni, parti ntegrali mill-kultura li tiddentifikana.” Jason Busuttil, Direttur Artistiku tal-Karnival stqarr li “għalkemm nħossu n-nuqqas tal-karrijiet u ż-żfin kompetittiv li joħolqu d-dinamiżmu tal-karnival kif nafuh, xorta ser nibqgħu naħdmu viċin l-parteċipanti attivi u dawk li jħobbu l-karnival sabiex din is-sena tkun ukoll esperjenza kkulurita għal-komunita’."
Viva, viva l-Karnival!
Għal aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet kollha tal-Karnival wieħed għandu jżur www.festivals.mt/karnival
Il-Karnival ta’ Malta huwa organizzat minn Festivals Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv u bis-sapport ta’ Kinnie, Mapfre MSV Life u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. L-attivitajiet tal-karnival huma organizzati skont il-linji gwida maħruġa mill-Awtorita tas-Saħħa.
Kliem ta' Felix Busuttil.
Comments