top of page
festivalsmalta

Tittella’ b’suċċess edizzjoni oħra ta’ Notte Bianca

L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Notte Bianca kienet suċċess kbir, hekk kif eluf ta’ nies daħlu l-Belt Valletta għal din is-serata. Dan il-Lejl Imdawwal sar magħruf għad-diversità tiegħu, bi programm varjat imżewwaq b’wirjiet artistiċi ta’ kull tip, inkluż mużika, żfin, kant, installazzjonijiet u aktar. Din is-sena, l-udjenzi ta’ Notte Bianca gawdew ’il fuq minn 50 proġett li b’kollox inkludew madwar 250 artist lokali u internazzjonali.

Ritratt: Chelsea Muscat


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li f’Notte Bianca, il-Maltin u t-turisti japprezzaw il-ġmiel tal-Belt kapitali ta’ pajjiżna - it-toroq li jgħidu storja rikka ta’ sekli sħaħ, is-sbuħija tas-swar u l-palazzi maestuzi tagħha u dan kollu jseħħ f’ambjent ta’ festa ta’ ilwien, mużika, spettaklu u ikel. “Nirringrazzja lil  Festivals Malta tal-impenn biex darba f’sena tittella’ din il-festa li tiġbed eluf ta’ nies lejha,” qal il-ministru.


Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għas-suċċess kbir ta’ din is-sena ta’ Notte Bianca. Hija qalet li l-avveniment laqqa’ eluf ta’ nies li gawdew il-kultura u l-arti lokali, u dan jikkonferma l-importanza li s-settur kreattiv għandu għat-tkabbir tal-komunità.


Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra faħħar ix-xogħol li sar mit-tekniċi, mill-artisti, mit-team ta’ Festivals Malta, u dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kienu involuti biex tittella’ Notte Bianca oħra ta’ suċċess. “Kuntent li għal darb’oħra Festivals Malta rnexxielha tilħaq livelli ogħla minn ta’ qabel. Notte Bianca hija vetrina għall-kultura ta’ pajjiżna li tant hija għal qalb il-poplu Malti u Għawdxi u dan deher biċ-ċar mill-konkorenza numeruża li kellna. Nirringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti biex din l-edizzjoni ta’ Notte Bianca tintemm b’suċċess, b’mod speċjali t-tim ta’ Festivals Malta li jaħdem qatigħ biex kull attività tkun tal-ogħla livell,” qal is-Sur Zahra.


Ritratt: Chelsea Muscat


Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius qal li: “Notte Bianca huwa wieħed mill-akbar avvenimenti fil-kalendarju ta’ Festivals Malta. Dan jirrikjedi sigħat twal ta’ xogħol u preparamenti, imma meta naraw riżultat pożittiv bħal dak li kellna f’din l-edizzjoni, ma nistgħux ma nkunux kburin u sodisfatti b’dak li ksibna. Apparti lill-kollegi tiegħi ta’ Festivals Malta li jimmeritalhom kull tifħir, nixtieq ukoll nirringrazzja lill-kollaboraturi numerużi li jaħdmu magħna sabiex Notte Bianca timxi ħarir, b’mod speċjali l-forzi tal-ordni u s-sigurtà, l-awtoritajiet ċivili u l-Kunsill Lokali tal-Belt.”


Id-Direttur Artistiku ta’ Notte Bianca, Antoine Farrugia tkellem fuq il-programm artistiku ta’ din is-sena, li ħoloq interess fost l-udjenzi numerużi li żaru Notte Bianca. “Din is-sena l-programm niżel tajjeb ferm mal-udjenza tagħna. Bħal kull sena kien programm varjat li jappella għal kulħadd, imma li kellu speċjali hu li din is-sena kien magħmul b’artisti li l-maġġoranza tagħhom kienu Maltin. Ħadt gost nara l-livell ta’ produzzjonijiet li din is-sena spara ‘l fuq, li fl-aħħar mill-aħħar juri kemm huma bravissimi l-artisti tagħna. Issa tibda’ l-ħidma għas-sena d-dieħla, li biċ-ċert ngħid ħa tkun edizzjoni oħra mill-aqwa.”


Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay.


L-edizzjoni li jmiss ta’ Notte Bianca se ssir is-Sibt 4 ta’ Ottubru 2025. Notte Bianca hija organizzata minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u b’kollaborazzjoni ma’ 89.7 Bay, Bay Easy, Inkontru.app, GSD Marketing Ltd, u European Heritage Days.


Xi ftit mumenti minn Notte Bianca 2024:


Spara-Normali, Politically Incorrect, The Great Big Book Adventure (Ritratti mix-xellug għal-lemin). Meħuda minn Stacey Zammit.


Spirtu, Rock Stage - Soul, The Blue Tangerine, In-Nanna Ġenoveffa, Il-Burdell Ġo Strada Stretta, A Romantic Night at the Movies (Ritratti mix-xellug għal-lemin). Meħuda minn Rob Matthew Golfeo.


Valzi u Polki, Sensory Symphony, DCapitals Capital, Salott, Musea, Tribali, Chasing Sunsets, Versatile Fuq Kastilja (Ritratti mix-xellug għal-lemin). Meħuda minn Darren Agius.


The Primitals, Elements Through Dance, Kummiedja Operistika, Elementi. (Ritratti mix-xellug għal-lemin). Meħuda minn Mark Zammit Cordina.


Ir-Restawr tal-Ġiżwiti, Morgan Mage, Ċittadella. (Ritratti mix-xellug għal-lemin). Meħuda minn Chelsea Muscat.

Commentaires


bottom of page